Lejla ta’ Poeżija mill-Għaqda Poeti Maltin Nhar is-Sibt, 14 ta’ April, 2012
L-Għaqda Poeti Maltin organizzat Lejla ta’ Poeżija fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta. Dan f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti.
Il-Lejla nfetħet b’diskors qasir mill-viċi-President tal-Għ.P.M., is-Sur Patrick Sammut, fl-assenza tal-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro. Is-sur Sammut qal li Lejliet bħal dawn iservu wkoll bħala vetrina ta’ dak li qed jagħmlu xi membri tal-Għaqda Poeti Maltin rigward pubblikazzjoni ta’ ġabriet ta’ poeżija u kotba oħra.
Waqt din il-Lejla tkellem l-assistent Segretarju tal-Għ.P.M. u poeta Charles Mifsud tkellem dwar il-ġabra tiegħu ta’ poeżiji reliġjużi u Marjani, Il-Blata Tiegħi (2011).
Dawk preżenti għal-Lejla ta’ Poeżija fil-Mosta kellhom l-opportunità jaqraw iżjed minn poeżija waħda. Inqraw poeżiji b’ilsna, temi u stili differenti. Il-Lejla kienet imżewqa wkoll mill-mużika u kanzunetti folk ta’ Walter Micallef.
Fl-aħħar tas-serata is-sur Sammut irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għall-Lejla u anki lill-Għaqda Filantropika Talent Mosti u l-President tagħha, is-Sur Joe Bartolo, għall-kooperazzjoni li dejjem urew mal-Għaqda Poeti Maltin.
Muntaġġ: Rita Demicoli











